San Nikola
Aqta’ min ġie jarana?!
Il-Milied huwa żmien li jġib miegħu ferħ, għaqda u sens qawwi ta’ stennija kemm fil-kbar kif ukoll fiż-żgħar. Kulħadd mehdi jżejjen id-dar, jixtri r-rigali u jipprepara għal avvenimenti li huma marbuta ma’ dan iż-żmien speċjali. Dan l-ispirtu ta’ ferħ jidher b’mod partikolari fit-tfal għaliex ikunu ħerqana kemm għall-vaganzi u l-attivitajiet tal-Milied, kif ukoll għar-rigali. Iżda l-Milied ifisser ħafn’aktar minn hekk. Dis-sena fl-iskola tagħna ta’ St. Francis fl-Imsida, ħsibna li niċċelebraw daż-żmien qaddis billi nwasslu messaġġ importanti lit-tfal - kemm ferħ ġewwieni wieħed jista’ jgawdi meta jaqsam dak li għandu mal-oħrajn.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Nikola fl-iskola tagħna nibtet sewwasew biex tgħinna nwasslu dan il-messaġġ. San Nikola – karattru storiku li sfortunatament intesa minħabba l-figura ta’ Father Christmas - huwa l-patrun tat-tfal u huwa magħruf għal kemm kien iħobb iqassam il-ġid tiegħu lill-foqra. Iżda San Nikola ma kienx iħobb ikun fiċ-ċentru tal-attenzjoni u b’umiltà kbira kien iqassam u jagħti kollox bil-moħbi. B’hekk kien jitfa’ l-attenzjoni tal-għemejjel tiegħu fuq Kristu u bl-azzjonijiet tiegħu kien iwassal lil Kristu għand kulħadd.
Dan u aktar fatturi fuq ħajjet San Nikola qsamnihom waqt quddiesa speċjali li organizzajna fl-iskola tagħna nhar l-4 ta’ Diċembru li għadda. It-tfal kienu mitluba jagħżlu u jġibu magħhom xi ġugarell sabiex jagħtuh lil tfal li fil-Milied ma kinux ser jirċievu rigali. Sħaqna fuq il-punt li ma jistax ikun oġġett mixtri iżda xi ħaġa li hi tagħhom. It-tfal laqgħu din l-istedina b’mod eċċezzjonali għaliex kien hemm min saħansitra ġab żewġ rigali jew aktar! Iżda l-quddiesa dakinhar kienet speċjali għal ħaġa oħra.
Wasal ħin l-omelija u ħin bla waqt ... BUMM!!! Ħabbat il-bieb tal-knisja! Fr. Joe Vella O.Carm li dak il-ħin kien qed jagħmel l-omelija, inħasad bħalma nħasad kull min kien preżenti imma pront sellem lil min ra dieħel mill-bieb tal-knisja. Ma kien ħadd ħlief San Nikola b’baklu f’id waħda u xkora f’idu l-oħra. San Nikola baqa’ miexi tul il-korsija sa ma ltaqa’ ma’ Fr. Joe. San Nikola newwillu l-ixkora waqt li qallu li ġie sabiex jagħtina rigal kbir. Meta Fr. Joe fetaħ l-ixkora, sab li dan ir-rigal ma kien xejn għajr Ġesù Bambin. X’ħin għollieh biex jurih lit-tfal, kulħadd infexx f’ċapċipa kbira u spontanja. San Nikola wasslilna lil Ġesù Bambin. Kien l-isbaħ rigal tal-Milied li stajna nirċievu.
Wara dan, it-tfal telgħu joffru r-rigali li kienu ġabu magħhom, tpoġġew mad-dawra tal-artal u Fr. Joe berikhom. San Nikola feraħ ħafna b’dan u b’radd ta’ ħajr għal dan l-eżempju tajjeb, huwa ta lil kull tifel u tifla gallettina mdaqqsa magħmula mill-gingerbread u miksija b’ġelu u bix-xbiha ta’ dan il-qaddis!
Kienet tassew festa li ħadd minna mhu ser jinsa, la t-tfal u lanqas aħna l-kbar. Minkejja x-xogħol u l-preparazzjoni kollha li kienet meħtieġa, stajna ngawdu sens qawwi ta’ għaqda u paċi. Esperjenzajna l-ferħ veru li Kristu biss jista’ jnisslilna f’qalbna u doqna kemm tabilħaqq hu minnu kliem San Franġisk t’Assisi meta jgħid li, ‘meta nagħtu aħna naqilgħu!’.